Welcome address by Archpriest Mgr Paul Cardona during Pontifical High Mass

Monday, February 25, 2013 at 4:45pm

Pontifikal 24th February 2013

For those who could not attend yesterday’s Pontifical High Mass at St George’s Basilica we are here re-producing (in Maltese) the welcome address by Archpriest Mgr Paul Cardona.

 Eċċellenza Reverendissima,

 F’kull epoka nsibu kitbiet li jirrakkontaw l-istorja ta’ dak li jkun ġara jew qed jiġri.

Jinkitbu grajjiet ta’ ferħ u anke grajjiet ta’ niket. Kollha juru l-ħiliet jew dgħufija tal-bniedem. Dan insibuh kemm fuq livell spiritwali u anke fuq livell soċjali.

 Anke l-istess Kotba Mqaddsa juru l-istorja ta’ kif Alla dejjem mexa mal-bniedem biex iwasslu għas-salvazzjoni. Għandna kotba ta’ storja li juruna f’liema atroċitajiet jista’ jasal il-bniedem.

Għandna wkoll kotba ta’ storja li nkitbu dwar personaġġi li ħallew marka fil-karriera tagħhom u anke kitbiet oħra li waslu għandna minn personaġġi li kitbu l-memorji tagħhom.

Anke fuq dan il-livell għandna awtobiografiji ta’ diversi qaddisin.

Dan l-isforz kollu jsir biex il-bniedem ma jinsiex il-marka taż-żminijiet li għaddew u jinqeda bihom biex jevita dak li hu ħażin u jimita dak li hu tajjeb u anke jipperfezzjonaħ.

 Fl-istorja tal-arti wieħed juri l-għaġeb tiegħu meta jara u jaqra dwar ċerti opri li saru żmien twil ilu u għadhom ikkonservati tajjeb sal-lum minħabba l-ħila li bihom saru minkejja li ma kienx hemm il-mezzi moderni li nafu bihom illum.

 Barra l-kitbiet tal-istorja, wieħed irid issemi wkoll postijiet antiki li ġew mibdula f’mużewijiet u anke postijiet oħra li nbnew apposta biex jinġabru fihom oġġetti marbuta mal-istorja tal-bniedem. Fost dawn insibu għodod, armi u anke oġġetti ta’ dekorazzjoni ecc.

Il-mużew minnu nnifsu jsir għal min iżuru ktieb viżiv ta’ poplu, ta’ lokal, ta’ komunità, ta’ reliġjon u l-bqija.

 Dawn l-oġġetti, anke jekk ma jkunx għadhom jintużaw, jitkellmu weħidhom dwar il-ħila tal-bniedem, dwar l-użanzi tiegħu, u fuq kollox dwar t-twemmin tiegħu.

 Jekk illum qegħdin nitkellmu dwar il-Mużew tal-Parroċċa tagħna, IL-ĦAĠAR, Heart of Gozo dan ifisser li qegħdin ngħaddu lil ta’ warajna storja viżiva ta’ din il-parroċċa.

 Illum qed ngħixu f’era teknoloġika u għalhekk ftit napprezzaw dak li sar u dak li qed ingawdu li huwa frott ta’ tant għaraq, sagrifiċċji, dedikazzjoni, u mħabba ta’ dawk ta’ qabilna.

 Għalhekk hija idea ta’ min ifaħħarha ħafna, din tal-Fondazzjoni Belt Victoria, li jkollna dan il-Mużew b’tant oġġetti ta’ storja, ta’ fidi u ta’ kultura, li jfakkru il-mixja tal-istorja ta’ din il-parroċċa Ġorġjana, tant maħbuba minna lkoll.

 J’Alla dan il-Mużew iservi mhux sempliċement bħala post turistiku, imma biex mis-skiet tiegħu jitkellem b’leħen qawwi dwar l-imħabba li wrew ta’ qabilna lejn Alla u lejn dan it-tempju, u fl-istess ħin iħeġġeġ lilna li qed ngħixu f’dan iż-żmien biex bl-istess imħabba u dedikazzjoni nkomplu niktbu l-istorja għal ta’ warajna.

Grazzi, Eċċellenza, tal-presenza paterna tiegħek fostna.

Mons Paolo Cardona

Arċipriet

San Ġorġ, 24 ta’ Frar 2013